It-tibdil fil-klima jaffettwa r-reġjuni kollha madwar id-dinja. Il-firxiet ta’ silġ polari qed idubu u l-livell tal-baħar qed jogħla. F’xi reġjuni, l-avvenimenti estremi tat-temp u x-xita qed isiru aktar komuni filwaqt li oħrajn qed jesperjenzaw aktar mewġ ta’ sħana estrema u perjodi ta’ nixfa. Neħtieġu azzjoni klimatika issa, inkella dawn l-impatti se jkomplu jintensifikaw.
It-tibdil fil-klima hu theddida serja ħafna, u l-konsegwenzi tiegħu għandhom impatt fuq ħafna aspetti differenti ta’ ħajjitna. Hawn taħt, tista’ ssib lista tal-konsegwenzi ewlenin tat-tibdil fil-klima. Ikklikkja s-sinjali + għal aktar informazzjoni.
Il-kriżi klimatika żiedet it-temperatura medja globali u qed twassal għal estremi ta’ temperatura għolja aktar frekwenti, bħal mewġiet ta’ sħana. Temperaturi ogħla jistgħu jikkawżaw żieda fil-mortalità, tnaqqis fil-produttività u ħsara fl-infrastruttura. L-aktar membri vulnerabbli tal-popolazzjoni, bħall-anzjani u t-trabi, se jkunu affettwati l-aktar.
Temperaturi ogħla huma mistennija wkoll li jikkawżaw bidla fid-distribuzzjoni ġeografika taż-żoni klimatiċi. Dawn il-bidliet qed ibiddlu d-distribuzzjoni u l-abbundanza ta’ ħafna speċijiet ta’ pjanti u annimali, li diġà jinsabu taħt pressjoni mit-telf u t-tniġġis tal-habitats.
Iż-żidiet fit-temperatura x’aktarx jinfluwenzaw ukoll il-fenoloġija – l-imġiba u ċ-ċikli tal-ħajja tal-ispeċijiet tal-annimali u tal-pjanti. Dan imbagħad jista’ jwassal għal numru akbar ta’ pesti u speċijiet invażivi, u inċidenza ogħla ta’ ċertu mard tal-bniedem.
Sadanittant, ir-rendiment u l-vijabbiltà tal-agrikoltura u tal-bhejjem, jew il-kapaċità tal-ekosistemi li jipprovdu servizzi u oġġetti importanti (bħall-provvista ta’ ilma nadif jew arja friska u nadifa) jistgħu jitnaqqsu.
Temperaturi ogħla jżidu l-evaporazzjoni tal-ilma, li – flimkien man-nuqqas ta’ xita – iżidu r-riskji ta’ nixfa severa.
Estremi ta’ temperatura baxxa (perjodi ta’ kesħa, jiem ta’ ġlata) jistgħu jsiru anqas frekwenti fl-Ewropa. Madankollu, it-tisħin globali jaffettwa l-prevedibbiltà tal-avvenimenti u għalhekk il-kapaċità tagħna li nirrispondu b’mod effettiv.
Minħabba l-klima li qed tinbidel, ħafna reġjuni Ewropej diġà qed jiffaċċjaw nixfiet aktar frekwenti, severi u li jdumu aktar. Nixfa hi defiċit mhux tas-soltu u temporanju fid-disponibbiltà tal-ilma kkawżat minn taħlita ta’ nuqqas ta’ xita u aktar evaporazzjoni (minħabba temperaturi għoljin). Hi differenti mill-iskarsezza tal-ilma, li hi n-nuqqas strutturali ta’ ilma ħelu matul is-sena kollha li jirriżulta mill-konsum żejjed tal-ilma.
In-nixfiet spiss ikollhom effetti indiretti, pereżempju fuq l-infrastruttura tat-trasport, l-agrikoltura, il-forestrija, l-ilma u l-bijodiversità. Inaqqsu l-livelli tal-ilma fix-xmajjar u ta’ taħt l-art, ixekklu t-tkabbir tas-siġar u tal-uċuħ tar-raba’, iżidu l-attakki ta’ pesti u jiskattaw in-nirien fil-foresti.
Fl-Ewropa, il-biċċa l-kbira tat-telf annwali ta’ madwar €9 biljun ikkawżat min-nixfa jaffettwa l-agrikoltura, is-settur tal-enerġija u l-provvista pubblika tal-ilma. In-nixfiet estremi qed isiru aktar komuni fl-Ewropa, u l-ħsara li jikkawżaw qed tikber ukoll.
B’żieda fit-temperatura medja globali ta’ 3°C, hu previst li n-nixfiet iseħħu darbtejn aktar spiss u t-telf annwali assolut min-nixfiet fl-Ewropa jiżdied għal €40 biljun fis-sena, bl-aktar impatti severi fir-reġjuni tal-Mediterran u tal-Atlantiku. Nixfiet aktar frekwenti u severi se jżidu t-tul u s-severità tal-istaġun tan-nirien fil-foresti, b’mod partikolari fir-reġjun tal-Mediterran. It-tibdil fil-klima qed jespandi wkoll iż-żona f’riskju minn nirien fil-foresti. Ir-reġjuni li bħalissa mhumiex suxxettibbli għan-nirien jistgħu jsiru żoni ta’ riskju.
Hekk kif il-klima tisħon, ix-xejriet tax-xita jinbidlu, l-evaporazzjoni tiżdied, il-glaċieri jinħallu u l-livelli tal-baħar jogħlew. Dawn il-fatturi kollha jaffettwaw id-disponibbiltà tal-ilma ħelu.
Nixfiet aktar frekwenti u severi u temperaturi tal-ilma li qed jogħlew huma mistennija li jikkawżaw tnaqqis fil-kwalità tal-ilma. Kundizzjonijiet bħal dawn jinkoraġġixxu t-tkabbir ta’ algi u batterji tossiċi, li se jaggravaw il-problema tal-iskarsezza tal-ilma li ġiet ikkawżata l-aktar mill-attività tal-bniedem.
Iż-żieda ta’ avvenimenti ta’ xita qawwija f’daqqa waħda x’aktarx ukoll li tinfluwenza l-kwalità u l-kwantità ta’ ilma ħelu disponibbli, peress li l-ilma tal-maltemp jista’ jikkawża drenaġġ mhux imnaddaf biex jidħol fl-ilma tal-wiċċ.
Ix-xmajjar tal-Ewropa ġeneralment joriġinaw f’żoni muntanjużi, u 40% tal-ilma ħelu tal-Ewropa jiġi mill-Alpi. Madankollu, il-bidliet fid-dinamika tal-borra u tal-glaċieri, u x-xejriet tax-xita jistgħu jwasslu għal skarsezzi temporanji tal-ilma fl-Ewropa kollha. Il-bidliet fil-flussi tax-xmajjar minħabba n-nixfa jistgħu jaffettwaw ukoll it-tbaħħir intern u l-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika.
It-tibdil fil-klima hu mistenni li jwassal għal żieda fix-xita f’ħafna żoni. Żieda fix-xita matul perjodi estiżi se twassal l-aktar għal għargħar tax-xmajjar, filwaqt li xita intensa qawwija f’daqqa waħda tista’ tikkawża għargħar pluvjali, fejn xita estrema tikkawża għargħar mingħajr ma jfur ebda korp tal-ilma.
L-għargħar tax-xmajjar hu diżastru naturali komuni fl-Ewropa, li, flimkien mal-maltempati, irriżulta f’fatalitajiet, affettwa miljuni ta’ nies u wassal għal telf ekonomiku kbir f’dawn l-aħħar tliet deċennji. It-tibdil fil-klima x’aktarx li jżid il-frekwenza tal-għargħar fl-Ewropa kollha fis-snin li ġejjin.
Maltempati qawwija tax-xita huma mistennija li jsiru aktar komuni u aktar intensi minħabba temperaturi ogħla, b’għargħar għal għarrieda mistenni li jsir aktar frekwenti fl-Ewropa kollha.
F’xi reġjuni, ċerti riskji bħall-għargħar kmieni fir-rebbiegħa jistgħu jonqsu fuq perjodu ta’ żmien qasir b’anqas borra fix-xitwa, iżda r-riskju akbar ta’ għargħar għal għarrieda f’żoni muntanjużi li jgħabbu żżejjed is-sistema tax-xmara jista’ jikkumpensa għal dawk l-effetti fuq perjodu ta’ żmien medju.
Il-livell tal-baħar żdied matul is-seklu 20, u t-tendenza żdiedet f’dawn l-aħħar deċennji.
Iż-żieda hi dovuta l-aktar għall-espansjoni termali tal-oċeani minħabba t-tisħin. Iżda s-silġ li jinħall mill-glaċieri u mis-saff tas-silġ tal-Antartiku qed jikkontribwixxi wkoll. Hu previst li l-Ewropa se tesperjenza żieda medja ta’ 60 sa 80 cm fil-livell tal-baħar sa tmiem is-seklu, li jiddependi l-aktar skont ir-rata li biha jinħall is-saff tas-silġ tal-Antartiku.
Madwar terz tal-popolazzjoni tal-UE tgħix 50 km mill-kosta u dawn iż-żoni jiġġeneraw aktar minn 30% tal-PDG totali tal-Unjoni. Il-valur ekonomiku tal-assi sa 500 m mill-ibħra tal-Ewropa jammonta għal bejn €500 biljun u €1,000 biljun.
Flimkien ma’ impatti oħrajn tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fil-livell tal-baħar se żżid ir-riskju ta’ għargħar u erożjoni madwar il-kosti, b’konsegwenzi sinifikanti għan-nies, l-infrastruttura, in-negozji u n-natura f’dawn iż-żoni.
Barra minn hekk, iż-żieda fil-livell tal-baħar hi prevista li tnaqqas l-ammont ta’ ilma ħelu disponibbli, hekk kif l-ilma baħar jimbotta aktar lejn l-ilma ta’ taħt l-art. Dan x’aktarx li jwassal ukoll għal ħafna aktar intrużjoni tal-ilma mielaħ f’korpi tal-ilma ħelu, li jaffettwa l-agrikoltura u l-provvista tal-ilma tax-xorb.
Dan se jaffettwa wkoll il-bijodiversità fil-habitats kostali, u s-servizzi u l-oġġetti naturali li jipprovdu. Ħafna artijiet mistagħdra se jintilfu, u b’hekk jiġu mhedda speċijiet uniċi ta’ għasafar u pjanti, u titneħħa l-protezzjoni naturali li dawn iż-żoni jipprovdu kontra l-maltempati.

It-tibdil fil-klima qed iseħħ tant malajr b’mod li ħafna pjanti u speċijiet tal-annimali qed jissieltu biex ikampaw. Hemm evidenza ċara li turi li l-bijodiversità diġà qed tirreaġixxi għat-tibdil fil-klima u se tkompli tagħmel dan. L-impatti diretti jinkludu bidliet fil-fenoloġija (l-imġiba u ċ-ċikli tal-ħajja tal-ispeċijiet tal-annimali u tal-pjanti), l-abbundanza u d-distribuzzjoni tal-ispeċijiet, il-kompożizzjoni tal-komunità, l-istruttura tal-habitat u l-proċessi tal-ekosistema.
It-tibdil fil-klima qed iwassal ukoll għal impatti indiretti fuq il-bijodiversità permezz ta’ bidliet fl-użu tal-art u riżorsi oħra. Dawn jistgħu jkunu aktar ta’ ħsara mill-impatti diretti minħabba l-iskala, l-ambitu u l-veloċità tagħhom. L-impatti indiretti jinkludu: il-frammentazzjoni u t-telf tal-habitat; l-isfruttament żejjed; it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija; u t-tixrid ta’ speċijiet invażivi. Huma se jkomplu jnaqqsu r-reżiljenza tal-ekosistemi għat-tibdil fil-klima u l-kapaċità tagħhom li jipprovdu servizzi essenzjali; bħar-regolamentazzjoni tal-klima, l-ikel, l-arja u l-ilma nodfa, u l-kontroll tal-għargħar jew l-erożjoni.
It-tibdil fil-klima jista’ jaggrava l-erożjoni, it-tnaqqis fil-materja organika, is-salinizzazzjoni, it-telf tal-bijodiversità tal-ħamrija, l-uqigħ tal-art, id-deżertifikazzjoni u l-għargħar. L-effett tat-tibdil fil-klima fuq il-ħżin tal-karbonju fil-ħamrija jista’ jkun relatat ma’ tibdil fil-konċentrazzjonijiet tas-CO2 fl-atmosfera, temperaturi ogħla u xejriet tax-xita li jinbidlu. Avvenimenti ta’ xita estrema, tidwib rapidu ta’ borra jew silġ, flussi qawwijin tax-xmajjar u żieda fin-nixfa huma kollha avvenimenti relatati mal-klima li jinfluwenzaw id-degradazzjoni tal-ħamrija. Id-deforestazzjoni u attivitajiet oħrajn tal-bniedem (l-agrikoltura, l-iskijjar) ukoll għandhom rwol. Il-ħamrija mielħa hi mistennija li tiżdied fiż-żoni kostali bħala riżultat tal-intrużjoni tal-ilma mielaħ minn ħdejn il-baħar minħabba ż-żieda fil-livelli tal-baħar u (perjodikament) skariki baxxi tax-xmajjar.

It-tibdil fil-klima hu previst li jwassal għal bidliet kbar fid-disponibbiltà tal-ilma fl-Ewropa kollha, minħabba xejriet anqas prevedibbli ta’ xita u maltempati aktar intensi. Dan se jirriżulta f’żieda fl-iskarsezza tal-ilma, speċjalment fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Ewropa, u riskju akbar ta’ għargħar f’ħafna partijiet tal-kontinent. Il-bidliet li jirriżultaw se jaffettwaw ħafna reġjuni tal-art u tal-baħar, u ħafna ambjenti naturali u speċijiet differenti.
It-temperatura tal-ilma hi waħda mill-parametri ċentrali li jiddeterminaw is-saħħa ġenerali tal-ekosistemi akkwatiċi minħabba li l-organiżmi akkwatiċi għandhom firxa speċifika ta’ temperaturi li jistgħu jittolleraw. Il-bidliet fil-klima żiedu t-temperaturi tal-ilma tax-xmajjar u tal-lagi, naqqsu l-kopertura tas-silġ, u b’hekk affettwaw il-kwalità tal-ilma u l-ekosistemi tal-ilma ħelu.
L-impatti tat-tibdil fil-klima, bħaż-żieda fit-temperaturi tal-wiċċ tal-baħar, l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u l-bidliet fil-kurrenti u fix-xejriet tar-riħ se jbiddlu b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni fiżika u bijoloġika tal-oċeani. Il-bidliet fit-temperaturi u ċ-ċirkolazzjoni tal-oċeani għandhom il-potenzjal li jibdlu d-distribuzzjoni ġeografika tal-ħut. Żieda fit-temperatura tal-baħar tista’ tippermetti wkoll li l-ispeċijiet aljeni jespandu f’reġjuni fejn qabel ma setgħux jgħixu. L-aċidifikazzjoni tal-oċeani, pereżempju, se jkollha impatt fuq diversi organiżmi li jnixxu l-karbonat tal-kalċju. Dawn il-bidliet se jkollhom impatti inevitabbli fuq l-ekosistemi kostali u tal-baħar, li jirriżultaw f’konsegwenzi soċjoekonomiċi kbar għal ħafna reġjuni.

It-tibdil fil-klima hu theddida sinifikanti mhux biss għas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll għas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. Filwaqt li klima li qed tinbidel tista’ ma toħloqx ħafna theddid ġdid jew mhux magħruf għas-saħħa, l-effetti eżistenti se jaggravaw u jsiru aktar evidenti milli rajna s’issa.
L-effetti l-aktar importanti fuq is-saħħa mit-tibdil fil-klima fil-futur huma mistennija li jinkludu:
- Żidiet fil-mortalità (imwiet) u l-morbożità (mard) tas-sajf relatati mas-sħana;
- Tnaqqis fil-mortalità (imwiet) u l-morbożità (mard) tax-xitwa relatati mal-kesħa;
- Żidiet fir-riskju ta’ aċċidenti u impatti fuq il-benesseri usa’ minn avvenimenti estremi tat-temp (għargħar, nirien u maltempati);
- Bidliet fl-impatt tal-mard eż. minn mard li jinġarr minn vettur, roditur, mill-ilma jew mill-ikel;
- Bidliet fid-distribuzzjoni staġjonali ta’ xi speċijiet ta’ trab tad-dakra allerġeniku, firxa ta’ distribuzzjoni ta’ virusijiet, organiżmi ta’ ħsara u mard;
- Mard tal-annimali emerġenti u emerġenti mill-ġdid li qed iżid l-isfidi għas-saħħa Ewropea tal-annimali u tal-bniedem permezz ta’ mard żoonotiku virali u mard li jinġarr minn vetturi;
- Pesti tal-pjanti emerġenti u emerġenti mill-ġdid (insetti, patoġeni u pesti oħra) u mard li jaffettwa s-sistemi tal-foresti u tal-għelejjel;
- Riskji relatati mal-bidla fil-kwalità tal-arja u l-ożonu.
In-nies li jgħixu f’żoni urbani bi dħul baxx b’infrastruttura fqira, u, b’mod ġenerali, gruppi tal-popolazzjoni bi dħul u assi aktar baxxi, huma aktar esposti għall-impatti klimatiċi iżda għandhom anqas kapaċità li jiffaċċjawhom.
In-nisa jistgħu jintlaqtu b’mod sproporzjonat mit-tibdil fil-klima u jkunu fi żvantaġġ meta jkunu meħtieġa miżuri ta’ adattament għaljin. Fl-istess ħin, in-nisa huma atturi ewlenin fl-adattament u b’mod aktar ġenerali fil-prattiki sostenibbli.
Il-persuni bla xogħol u dawk soċjalment emarġinati huma fost l-aktar vulnerabbli għar-riskji klimatiċi.
Il-popolazzjoni tal-Ewropa li qed tixjieħ, affettwata b’mod sproporzjonat minn mobbiltà mnaqqsa jew impedimenti tas-saħħa, se tirriżulta f’sehem akbar tal-popolazzjoni li tkun vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
It-tibdil fil-klima diġà beda jkollu impatt fuq l-ispostament u l-migrazzjoni. Għalkemm il-klima hi aspett wieħed biss ta’ diversi fatturi li jixprunaw l-ispostament u l-migrazzjoni, ħafna pajjiżi sħab fi triqithom lejn żvilupp sostenibbli huma fost dawk l-aktar affettwati. In-nies li jgħixu fihom ta' spiss jiddependu bi sħiħ mill-ambjent naturali tagħhom u huma għandhom l-anqas riżorsi biex jiffaċċjaw it-tibdil fil-klima.
L-impatt taż-żidiet fit-temperatura, il-bidliet fir-reġimi tax-xita jew iż-żieda fil-livell tal-baħar se jaffettwaw – direttament jew indirettament – il-produttività u l-vijabbiltà tas-setturi ekonomiċi kollha fl-Istati Membri kollha tal-UE, b’implikazzjonijiet għas-suq tax-xogħol.
It-tibdil fil-klima jista’ jaffettwa d-disponibbiltà tal-forza tax-xogħol minħabba tnaqqis fil-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-popolazzjoni u restrizzjonijiet addizzjonali fuq is-saħħa okkupazzjonali (temperatura ogħla fuq il-post tax-xogħol, perikli naturali aktar frekwenti u intensi li ma jħallux lin-nies jaslu fil-post tax-xogħol tagħhom).
Barra minn hekk, diversi setturi ekonomiċi huma vulnerabbli ħafna minħabba d-dipendenza tagħhom fuq kundizzjonijiet klimatiċi regolari. Huma mistennija bidliet fil-produzzjoni settorjali – fl-agrikoltura u t-turiżmu pereżempju – bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima.
Investimenti kbar fl-adattament jistgħu joffru opportunitajiet ta’ impjieg u dħul f’attivitajiet bħat-tisħiħ tad-difiżi kostali, il-bini u l-infrastruttura (ekoloġika), il-ġestjoni tal-ilma u r-rilokazzjoni ta’ insedjamenti esposti. Madankollu, għad hemm inċertezza dwar l-effetti netti possibbli tal-ħolqien tal-impjiegi ta’ investimenti bħal dawn. It-titjib tal-ħiliet tax-xogħol se jkun meħtieġ biex jinħatfu dawn l-opportunitajiet.
It-tnaqqis tal-vulnerabbiltà u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ adattament mhumiex biss il-kompitu u r-responsabbiltà tal-gvernijiet. Is-severità tat-tibdil fil-klima teħtieġ li l-atturi pubbliċi u privati jaħdmu flimkien biex inaqqsu l-vulnerabbiltà u jadattaw għall-impatti. Madankollu, mhux il-partijiet ikkonċernati kollha huma konxji u infurmati dwar il-vulnerabbiltà tagħhom u l-miżuri li jistgħu jieħdu biex jadattaw b’mod proattiv għat-tibdil fil-klima. Għalhekk, l-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni huma komponent importanti tal-proċess ta’ adattament għall-ġestjoni tal-impatti tat-tibdil fil-klima, it-titjib tal-kapaċità ta’ adattament, u t-tnaqqis tal-vulnerabbiltà ġenerali.
L-impatti tat-tibdil fil-klima huma partikolarment pertinenti għall-infrastruttura u l-bini minħabba t-tul tal-ħajja tagħhom u l-ispiża inizjali għalja tagħhom, kif ukoll ir-rwol essenzjali tagħhom fil-funzjonament tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna.
Il-bini u l-infrastruttura jistgħu jkunu vulnerabbli għat-tibdil fil-klima minħabba d-disinn tagħhom (reżistenza baxxa għall-maltempati) jew il-post (eż. f’żoni suxxettibbli għall-għargħar, uqigħ tal-art, valangi). Tabilħaqq jista’ jsirilhom ħsara jew isiru mhux tajbin għall-użu minn kwalunkwe kundizzjoni klimatika li tinbidel jew avveniment estrem tat-temp: żieda fil-livell tal-baħar, xita estrema u għargħar, okkorrenzi ta’ temperaturi estremament baxxi jew għoljin, borra qawwija, irjieħ qawwija...
Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima għall-bini u l-infrastruttura se jvarjaw minn reġjun għal ieħor.

It-theddid klimatiku għas-sistema tal-enerġija Ewropea diġà jeżisti u hu mistenni li jiżdied. It-tibdil fil-klima hu mistenni li jnaqqas id-domanda għat-tisħin fit-Tramuntana u fil-Majjistral tal-Ewropa u li jżid b’mod qawwi d-domanda għall-enerġija għat-tkessiħ fin-Nofsinhar tal-Ewropa, li jista’ jkompli jaggrava l-livelli massimi tad-domanda għall-elettriku fis-sajf.
Mewġ ta’ sħana aktar intens u frekwenti se jċaqlaq ix-xejriet tal-provvista u d-domanda tal-enerġija, spiss f’direzzjonijiet opposti. Aktar żidiet fit-temperatura u nixfiet jistgħu jillimitaw id-disponibbiltà tal-ilma tat-tkessiħ għall-ġenerazzjoni tal-enerġija termali fis-sajf (tnaqqis fil-provvista tal-enerġija), filwaqt li d-domanda għall-arja kkundizzjonata se tiżdied.
Barra minn hekk, kobor u frekwenza akbar ta’ avvenimenti estremi tat-temp se jikkawżaw theddid għall-infrastruttura fiżika tal-enerġija: trażmissjoni u distribuzzjoni fl-ajru, iżda wkoll substazzjonijiet jew transformers.
It-tibdil fil-klima jġib miegħu wkoll aktar inċertezza fix-xejriet tat-temp fl-Ewropa kollha. Dan għandu impatt negattiv dirett fit-tul fuq il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Xi eżempji immedjati se jkunu anqas xemx jew riħ f’żoni fejn normalment ikun hemm aktar jew sħana u nixfiet li jaffettwaw l-għelejjel maħsuba għall-produzzjoni tal-enerġija mill-bijomassa.
It-tibdil fil-klima diġà għandu u se jkompli jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq l-agrikoltura Ewropea matul is-seklu 21 minħabba żieda fis-sħana, in-nixfa, l-għargħar, il-pesti, il-mard u t-tnaqqis fis-saħħa tal-ħamrija:
- Telf sostanzjali fil-produzzjoni agrikola (rendimenti aktar baxxi tal-għelejjel)
- Tnaqqis f’żoni adattati għall-kultivazzjoni tal-għelejjel
Ir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-Ewropa se jintlaqtu l-agħar minħabba s-sħana u n-nuqqas tal-ilma. Filwaqt li fit-Tramuntana tal-Ewropa temperaturi ogħla jistgħu jiftħu żoni ġodda għal għelejjel fi staġun sħun, dawn il-kisbiet mhux se jikkumpensaw għat-telf f’reġjuni oħrajn.

Il-foresti huma affettwati wkoll mit-tibdil fil-klima, b’riskji akbar ta’ nixfiet, maltempati, nirien, pesti, u mard li jfixkel is-saħħa tal-foresti.
Il-bijodiversità tal-foresti Ewropej hi mistennija li tinbidel, minħabba li t-tibdil fil-klima joħloq theddida partikolari għal speċijiet li huma adattati ħafna għal kundizzjonijiet klimatiċi u ambjentali speċifiċi. Pereżempju, id-diversità limitata tal-ispeċijiet tas-siġar fil-foresti boreali tagħmilhom anqas reżiljenti għad-disturbi naturali u għalhekk aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.
In-Nofsinhar tal-Ewropa x’aktarx li jara tnaqqis ġenerali fit-tkabbir tal-foresti minħabba tnaqqis fix-xita. Barra minn hekk, l-impatt tan-nirien fil-foresti hu partikolarment qawwi fuq ekosistemi diġà degradati fin-Nofsinhar, u hu mistenni li jmur għall-agħar bi staġuni itwal u aktar severi ta’ nirien.
Il-frekwenza u l-intensità tal-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ avvenimenti estremi huma mistennija li jinbidlu b’mod sinifikanti b’riżultat tat-tibdil fil-klima. Fuq perjodu ta’ żmien qasir, sakemm tingħata l-konċessjoni dovuta għax-xejra sottostanti, il-primiums jiżdiedu gradwalment u s-suq tal-assigurazzjoni jassorbi dawn il-bidliet mingħajr tfixkil. Madankollu, l-għarfien dwar ir-riskju ħafna drabi javvanza f’“passi”, li jista’ jwassal għal qabżiet fil-prezz fuq perjodu qasir. Fuq perjodu ta’ żmien itwal, b’mod partikolari fis-setturi jew l-oqsma l-aktar vulnerabbli, it-tibdil fil-klima jista’ indirettament iżid id-disparitajiet soċjali hekk kif il-primiums tal-assigurazzjoni ma jibqgħux affordabbli għall-popolazzjoni.

Il-konsegwenzi ekonomiċi tat-tibdil fil-klima għar-reġjuni fejn it-turiżmu hu importanti jistgħu jkunu sostanzjali. L-adegwatezza tal-Ewropa tan-Nofsinhar għat-turiżmu hi mistennija li tonqos b’mod sinifikanti matul ix-xhur ewlenin tas-sajf iżda li titjieb fi staġuni oħra. L-Ewropa Ċentrali hi mistennija li żżid l-attrazzjoni tat-turiżmu tagħha matul is-sena. It-tnaqqis mistenni fil-kopertura tal-borra se jaffettwa b’mod negattiv l-industrija tal-isport tax-xitwa f’ħafna reġjuni.
It-tibdil fil-klima jhedded in-negozji kollha, peress li lkoll jeżistu fid-Dinja. Madankollu, xi wħud huma aktar vulnerabbli minn oħrajn. L-impatti huma mistennija b’mod sproporzjonat fuq l-SMEs inkluż it-tfixkil tal-operazzjonijiet tan-negozju, il-ħsara lill-proprjetà, it-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u l-infrastruttura, li jwasslu għal żieda fl-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-materjali, u prezzijiet ogħla. Madankollu, l-azzjoni klimatika toffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ġodda għan-negozji biex jiżviluppaw prodotti u servizzi li jgħinu kemm biex jitnaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll biex jadattaw għal dinja li qed tisħon.
L-Artiku qed jiffaċċja bidliet kbar inkluż żieda f’temperatura ogħla mill-medja, tnaqqis fil-kopertura tas-silġ tal-baħar fis-sajf u t-taħlil tal-permafrost. It-tnaqqis tal-kopertura tas-silġ qed jaċċellera u hu mistenni li jkompli jkollu impatt fuq is-sistemi naturali u umani lokali. Dan iwassal ukoll għal piżijiet addizzjonali potenzjali fuq l-ambjent, bħall-esplorazzjoni estensiva taż-żejt u l-gass u l-ftuħ ta’ rotot ġodda ta’ tbaħħir. It-taħlil tal-permafrost għandu l-potenzjal li jaffettwa serjament is-sistemi umani, pereżempju billi joħloq problemi infrastrutturali. L-ekosistemi fraġli tal-Artiku sofrew b’mod sinifikanti minn żidiet fit-temperatura ogħla mill-medja u dawn l-impatti huma mistennija li jkomplu.
Il-projezzjonijiet jissuġġerixxu anqas kopertura tal-borra u tas-silġ tal-lagi u tax-xmajjar, żieda fil-flussi tax-xmajjar tax-xitwa u tar-rebbiegħa f’xi partijiet u tnaqqis f’partijiet oħrajn (eż. il-Finlandja), u ħsara akbar mill-maltempati tax-xitwa. Avvenimenti estremi tat-temp aktar frekwenti u intensi fuq perjodu medju sa twil jista’ jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun, pereżempju billi jagħmlu r-rendimenti tal-għelejjel aktar varjabbli.
L-għargħar kostali laqat żoni kostali baxxi fil-Majjistral tal-Ewropa fil-passat u r-riskji huma mistennija li jiżdiedu minħabba żieda fil-livell tal-baħar u riskju akbar ta’ żidiet fil-maltempati. Il-pajjiżi tal-Baħar tat-Tramuntana huma partikolarment vulnerabbli. Aktar xita fix-xitwa hi mistennija li żżid l-intensità u l-frekwenza tal-għargħar tax-xmajjar tax-xitwa u tar-rebbiegħa, għalkemm sal-lum ma ġiet osservata ebda żieda fix-xejriet fl-għargħar.
Hu mistenni li t-temperaturi estremi se jkunu impatt ewlieni fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Flimkien ma’ tnaqqis fix-xita fis-sajf dan jista’ jżid ir-riskju ta’ nixfiet, u hu mistenni li jżid id-domanda għall-enerġija fis-sajf. L-intensità u l-frekwenza tal-għargħar tax-xmajjar fix-xitwa u fir-rebbiegħa (f’diversi reġjuni) huma mistennija li jiżdiedu minħabba aktar xita fix-xitwa. It-tibdil fil-klima hu wkoll mistenni li jwassal għal varjabbiltà ogħla tar-rendiment tal-għelejjel u għal nirien aktar frekwenti fil-foresti.
Ir-reġjun tal-Mediterran kien soġġett għal impatti kbar matul dawn l-aħħar deċennji bħala riżultat ta’ tnaqqis fix-xita u żieda fit-temperatura, u dawn huma mistennija li jmorru għall-agħar hekk kif il-klima tkompli tinbidel. L-impatti ewlenin huma t-tnaqqis fid-disponibbiltà tal-ilma u r-rendimenti tal-għelejjel, iż-żieda fir-riskji ta’ nixfiet u t-telf tal-bijodiversità, in-nirien fil-foresti, u l-mewġiet ta’ sħana. Iż-żieda fl-effiċjenza tal-irrigazzjoni fl-agrikoltura tista’ tnaqqas l-irtirar tal-ilma sa ċertu punt, iżda mhux se tkun biżżejjed biex tagħmel tajjeb għal żidiet ikkawżati mill-klima fl-istress tal-ilma. Barra minn hekk, is-settur tal-enerġija idroelettrika se jiġi affettwat dejjem b’nuqqas akbar ta’ disponibbiltà ta’ ilma u b’domanda dejjem akbar għall-enerġija, filwaqt li l-industrija tat-turiżmu se tiffaċċja kundizzjonijiet anqas favorevoli fis-sajf. Il-flussi ambjentali, li huma importanti għaż-żamma b’saħħitha tal-ekosistemi akkwatiċi, huma mhedda mill-impatti tat-tibdil fil-klima u mill-iżviluppi soċjoekonomiċi.
Fis-snin preċedenti, iż-żieda fit-teħid tal-art urbana u ż-żieda fil-popolazzjoni urbana f’ħafna postijiet żiedu l-esponiment tal-ibliet Ewropej għal impatti klimatiċi differenti bħal mewġiet ta’ sħana, għargħar, u nixfiet. L-impatti ta’ avvenimenti estremi bħall-għargħar tax-xmara Elbe fl-2002 jew l-għargħar urban tad-drenaġġ f’Kopenħagen fl-2011 juru l-vulnerabbiltà għolja tal-ibliet għal avvenimenti estremi tat-temp. Fil-futur, it-teħid tal-art urbana li għaddejja bħalissa, it-tkabbir u l-konċentrazzjoni tal-popolazzjoni fl-ibliet, kif ukoll popolazzjoni li qed tixjieħ, se jikkontribwixxu biex tiżdied aktar il-vulnerabbiltà tal-ibliet għat-tibdil fil-klima. Id-disinn urban, il-ġestjoni urbana u t-titjib tal-infrastruttura ekoloġika jistgħu parzjalment jindirizzaw dawn l-effetti.
Iż-żieda fit-temperatura hi partikolarment sinifikanti f’ħafna reġjuni muntanjużi, fejn ġie osservat telf tal-massa tal-glaċieri, tnaqqis fil-kopertura tal-borra, taħlil tal-permafrost u xejriet tax-xita li qed jinbidlu, inkluż anqas xita li tinżel bħala borra, u huma mistennija li jkomplu jiżdiedu. Dan jista’ jwassal għal żieda fil-frekwenza u l-intensità tal-għargħar f’xi żoni muntanjużi (eż. f’partijiet tal-Iskandinavja) li jista’ jkollhom impatt fuq in-nies u l-ambjent mibni. L-impatti addizzjonali previsti jinkludu tnaqqis fit-turiżmu tax-xitwa, tnaqqis fil-potenzjal tal-enerġija mill-enerġija idroelettrika fin-Nofsinhar tal-Ewropa, bidla fiż-żoni tal-veġetazzjoni u telf estensiv tal-bijodiversità. L-ispeċijiet tal-pjanti u tal-annimali li jgħixu qrib il-muntanji jiffaċċjaw ir-riskju li jiġu estinti minħabba l-inabbiltà li jemigraw lejn reġjuni ogħla.
L-irtirar tal-maġġoranza l-kbira tal-glaċieri jaffettwa wkoll id-disponibbiltà tal-ilma f’żoni baxxi tax-xmajjar.
Kif tista’ tara, it-tibdil fil-klima hu kwistjoni serja u jaffettwa lilna lkoll. Dan jaf ikun diffiċli tomogħdu, iżda hemm aħbar tajba: jeżistu soluzzjonijiet. Skopri x’qed tagħmel l-UE biex tiġġieled kontra l-kriżi klimatika u kif tista’ taqdi r-rwol tiegħek ukoll.