Il-ħruq tal-fjuwils fossili, il-qtugħ tas-siġar mill-foresti u t-trobbija tal-bhejjem qed jinfluwenzaw dejjem aktar il-klima u t-temperatura tad-dinja.
Dan iżid ammonti enormi ta’ gassijiet b’effett serra ma’ dawk li jinsabu b’mod naturali fl-atmosfera, li jżidu l-effett serra u t-tisħin globali.
It-tisħin globali
Il-perjodu 2011-2020 kien l-aktar deċennju sħun irreġistrat, bit-temperatura medja globali li kienet 1.1°C ogħla mil-livelli preindustrijali fl-2019. It-tisħin globali kkaġunat mill-bniedem bħalissa qed jiżdied b’rata ta’ 0.2°C kull għaxar snin.
Żieda ta’ 2°C meta mqabbla mat-temperatura fi żminijiet preindustrijali hija assoċjata ma’ impatti negattivi serji fuq l-ambjent naturali u s-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, inkluż riskju ferm ogħla li jseħħu bidliet perikolużi u possibbilment katastrofiċi fl-ambjent globali.
Għal din ir-raġuni, il-komunità internazzjonali rrikonoxxiet il-bżonn li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2°C u li jitkomplew l-isforzi biex jiġi limitat għal 1.5°C.
Gassijiet b'effett serra
Il-fattur ewlieni tat-tibdil fil-klima huwa l-effett serra. Xi gassijiet fl-atmosfera tad-Dinja jaġixxu xi ftit jew wisq bħall-ħġieġ f’serra, jaqbdu s-sħana tax-xemx u jwaqqfuha milli tinfiltra lura fl-ispazju u jikkawżaw it-tisħin globali.
Ħafna minn dawn il-gassijiet serra jseħħu b'mod naturali, iżda l-attivitajiet tal-bniedem qed iżidu l-konċentrazzjonijiet ta’ xi wħud minnhom fl-atmosfera, b’mod partikolari:
- id-diossidu tal-karbonju (CO2)
- il-metan
- l-ossidu nitruż
- il-gassijiet fluworinati
Is-CO2 prodott mill-attivitajiet tal-bniedem hu l-kontributur ewlieni tat-tisħin globali. Sal-2020, il-konċentrazzjoni tiegħu fl-atmosfera kienet telgħet għal 48% ogħla mil-livell preindustrijali tiegħu (qabel l-1750).
Gassijiet b'effett serra oħrajn prodotti mill-bnedmin joħorġu fi kwantitajiet iżgħar. Il-metan huwa gass b'effet serra iktar potenti mis-CO2, iżda jdum inqas fl-atmosfera. L-ossidu nitruż, bħas-CO2, hu gass b’effett serra b’ħajja itwal li jakkumula fl-atmosfera matul deċennji u sekli sħaħ. Is-sustanzi niġġiesa li mhumiex gassijiet serra, inklużi l-aerosols bħan-nugrufun, għandhom effetti differenti ta’ tisħin u tkessiħ u huma assoċjati wkoll ma’ kwistjonijiet oħra bħall-kwalità ħażina tal-arja.
Kawżi naturali, bħal bidliet fir-radjazzjoni solari jew fl-attività volkanika huma stmati li kkontribwew inqas minn +/- 0.1°C għat-tisħin totali bejn l-1890 u l-2010.
Il-kawżi taż-żieda fl-emissjonijiet
- Il-ħruq tal-faħam, iż-żejt u l-gass jipproduċi d-diossidu tal-karbonju u l-ossidu nitruż.
- Il-qtugħ tas-siġar mill-foresti (deforestazzjoni). Is-siġar jgħinu jirregolaw il-klima billi jassorbixxu s-CO2 mill-atmosfera. Meta jinqatgħu, dan l-effett benefiċjarju jintilef u l-karbonju maħżun fis-siġar jiġi rilaxxat fl-atmosfera, u jżid l-effett serra.
- Iż-żieda tat-trobbija tal-bhejjem. Il-baqar u n-nagħaġ jipproduċu ammonti kbar ta’ metan meta dawn jiddiġerixxu l-ikel.
- Il-fertilizzanti li fihom in-nitroġenu jipproduċu emissjonijiet tal-ossidu nitruż.
- Il-gassijiet fluworinati joħorġu minn tagħmir u prodotti li jużaw dawn il-gassijiet. Emissjonijiet bħal dawn jipproduċu effett qawwi ħafna tas-sħana, sa 23,000 darba aktar mis-CO2.
Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
Hekk kif kull tunnellata ta’ CO2 tikkontribwixxi għat-tisħin globali, kull tnaqqis fl-emissjonijiet jikkontribwixxi biex dan il-fenomenu jbatti. Sabiex inwaqqfu għal kollox it-tisħin globali, il-livell tal-emissjonijiet tas-CO2 irid jinżel għal żero nett fid-dinja kollha. Barra minn hekk, it-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra oħra, bħall-metan, jista’ jkollu wkoll effett qawwi fuq it-tnaqqis tat-tisħin globali – speċjalment fuq terminu qasir.
Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima huma serji ħafna, u jaffettwaw ħafna aspetti ta’ ħajjitna. Kemm il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima kif ukoll l-adattament għal dinja li qed tisħon huma prijoritajiet ewlenin għall-UE. Neħtieġu azzjoni klimatika issa. Skopri x’qed tagħmel l-UE biex tiġġieled kontra l-kriżi klimatika.