Skip to main content
Climate Action

Ċikli tal-karbonju sostenibbli

carbon_removals_3

Biex niksbu n-newtralità klimatika, qed nieħdu azzjoni biex inneħħu s-CO2 mill-atmosfera tad-dinja. 

Il-karbonju huwa l-atomu tal-ħajja, tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna. Huwa parti mid-DNA tagħna, l-ikel li nieklu, il-prodotti li nużaw kuljum, il-fjuwils li jagħtu l-enerġija lid-djar, il-vetturi u l-fabbriki tagħna, il-materjali li nużaw biex nibnu l-bliet tagħna. Il-karbonju kontinwament jgħaddi bejn l-atmosfera, l-oċean, il-veġetazzjoni u l-qoxra tad-Dinja, f’bilanċ naturali iżda fraġli li xi attivitajiet ipperikolaw: l-emissjonijiet mill-kombustjoni tal-fjuwils fossili, mill-proċessi industrijali u mit-tibdil fl-użu tal-art qed jakkumulaw fl-oċeani u qed iżidu b’mod drammatiku l-konċentrazzjoni tas-CO2 fl-atmosfera, filwaqt li jalimentaw il-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità. 

L-assorbimenti tal-karbonju mill-foresti, mill-prattiki agrikoli jew mis-soluzzjonijiet teknoloġiċi se jkollhom rwol dejjem akbar fil-kisba tan-newtralità klimatika sal-2050, u se jsiru l-fokus ewlieni tal-azzjoni minn hemm ’il quddiem, meta se jkunu meħtieġa emissjonijiet negattivi biex titnaqqas b’mod attiv il-konċentrazzjoni tas-CO2 fl-atmosfera u tiġi stabbilizzata l-klima. 

Ċikli tal-karbonju sostenibbli

F’Diċembru 2021, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Ċikli tal-Karbonju Sostenibbli”, li tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni dwar kif jiġu żviluppati soluzzjonijiet sostenibbli biex jiżdiedu l-assorbimenti tal-karbonju. 

Il-Komunikazzjoni tenfasizza diversi sfidi ewlenin u tipproponi azzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien qasir u medju biex dawn jiġu indirizzati. 

  • Sekwestru tal-Karbonju f'Art Agrikola: sal-2028, kull maniġer tal-art jeħtieġ li jkollu aċċess għal data vverifikata dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti, u s-sekwestru tal-karbonju f'art agrikola jenħtieġ li jappoġġja l-kisba tal-mira ta’ tneħħija netta proposta għall-2030 ta’ 310 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 (Mt CO2eq) fis-settur tal-art, kif ippreżentat fil-pakkett ta’ Lulju dwar it-twettiq tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

  • Karbonju Industrijali Sostenibbli: sal-2028, kull tunnellata ta’ CO2 maqbuda, ittrasportata, użata u maħżuna mill-industriji għandha tiġi rrappurtata u jingħata kont tagħha mill-oriġini tagħha; sal-2030, mill-inqas 20% tal-karbonju użat fil-prodotti jrid jiġi minn sorsi sostenibbli mhux fossili; u sal-2030, 5 miljun tunnellata ta’ CO2 għandhom jitneħħew kull sena mill-atmosfera u jinħażnu b’mod permanenti permezz ta’ soluzzjonijiet teknoloġiċi. 

Qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju

Issa u fil-futur, għandna bżonn inżidu l-assorbimenti tal-karbonju, kemm fis-settur tal-art kif ukoll fl-industrija. It-titjib tal-monitoraġġ, tar-rapportar u tal-verifika tal-assorbimenti tal-karbonju huwa l-ewwel pass fundamentali li jippermetti swieq robusti u użi regolatorji taċ-ċertifikati tal-karbonju. Proġetti li jinvolvu s-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u proġetti industrijali li jinvestu fl-assorbimenti tal-karbonju llum jenħtieġ li jkollhom prospett ta’ qafas robust futur ta’ kontabilità u ta’ ċertifikazzjoni li jiżgura l-komparabbiltà u r-rikonoxximent tal-azzjoni li diġà bdiet fil-prattika. 

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni pproponiet qafas regolatorju tal-UE għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju. Il-qafas taċ-ċertifikazzjoni se jgħin biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni trasparenti tas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u s-soluzzjonijiet industrijali li jneħħu mingħajr ambigwità l-karbonju mill-atmosfera. 

Il-ħidma tal-Kummissjoni dwar il-qafas taċ-ċertifikazzjoni hija appoġġjata mill-Grupp ta’ Esperti dwar it-Tneħħija tal-Karbonju