Mur għall-kontenut ewlieni
Climate Action

Il-finanzjament internazzjonali għall-klima

Kif l-UE tappoġġja l-azzjoni klimatika fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw fid-dinja kollha.

Il-kriżi klimatika hija fenomenu globali. Għandna bżonn innaqqsu l-emissjonijiet fid-dinja kollha – it-tnaqqis tagħhom fl-UE biss mhuwiex biżżejjed. Bħala tali, l-UE hija kburija li tissieħeb ma’ ekonomiji li qed jiżviluppaw biex tipprovdilhom l-appoġġ li jeħtieġu biex itaffu u jadattaw għat-tibdil fil-klima.

L-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Bank Ewropew tal-Investiment flimkien huma l-akbar kontributur ta’ finanzjament pubbliku għall-klima għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn ipprovdew aktar minn €23.04 biljun fl-2021.

Huma wkoll l-akbar fornituri fid-dinja ta’ assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (b’kollox fl-2020 ingħataw €67 biljun), bl-azzjoni biex tiġi miġġielda l-bidla fil-klima qed tiġi integrata dejjem aktar f’din l-assistenza.

Nagħmlu l-flussi tal-finanzjament aktar konsistenti mal-għanijiet klimatiċi

Skont il-Ftehim ta’ Pariġi, diversi pajjiżi fid-dinja impenjaw ruħhom li jagħmlu l-flussi finanzjarji konsistenti ma’ perkors b’emissjonijiet baxxi u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, biex jgħinu fil-kisba tal-għanijiet klimatiċi fit-tul tagħna.

F’dan il-kuntest, l-UE nediet Pjan ta’ Azzjoni ambizzjuż dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli kif ukoll strateġija għall-finanzjament tat-tranżizzjoni lejn ekonomija sostenibbli. L-UE tgħin ukoll lill-ekonomiji li qed jiżviluppaw itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom għall-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament b’livell baxx ta’ karbonju.

F’Ottubru 2019, l-UE flimkien mal-Arġentina, il-Kanada, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, l-Indja, il-Kenja u l-Marokk (issa ngħaqdu aktar pajjiżi), nediet il-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli. Il-pjattaforma għandha l-għan li żżid il-mobilizzazzjoni tal-kapital privat għal investiment ambjentalment sostenibbli.

Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Fl-2021, il-Kummissjoni Ewropea impenjat €2.50 biljun għall-ekonomiji li qed jiżviluppaw, b’sehem sinifikanti minnhom (kważi 40%) li jmur għall-finanzjament ta’ attivitajiet ta’ adattament għat-tibdil fil-klima.

Barra minn hekk, filwaqt li 20% tal-baġit kollu tal-UE għall-2014-2020 intefaq fuq proġetti relatati mal-klima – din il-mira saret 30% għall-2021-2027 u 35% għall-Istrument ta’ Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI).

Barra minn hekk, il-Bank Ewropew tal-Investiment ipprovda €2.56 biljun f’finanzjament għall-klima lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-2021. Dan jiffinanzja, pereżempju, proġetti tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli fl-Afrika u f’reġjuni oħra, u spiss iħallat il-fondi ma’ dawk mill-Kummissjoni u l-aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi tal-UE.

Inizjattiva ewlenija tal-UE - Alleanza Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima+

Il-mezz ewlieni għall-appoġġ tal-UE għad-djalogu politiku u azzjoni klimatika speċifika u mmirata fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw kien l-Alleanza Globali kontra t-Tibdil fil-Klima Plus (GCCA+). Din l-inizjattiva damet mill-2014 sal-2020 u l-proġetti bħalissa qed jiġu ffinalizzati.

Il-finanzjament tal-għotjiet għal din l-inizjattiva żdied minn €317.5 miljun fl-ewwel fażi (2007-2014) għal €420 miljun fit-tieni fażi (2014-2020).

Il-GCCA+ kellha enfasi qawwija fuq il-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati u l-Istati Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS), peress li dawn huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima.

L-objettiv ġenerali kien li jiġu promossi d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima bejn l-UE u l-ekonomiji li qed jiżviluppaw.

Oqsma prijoritarji:

  • Ninkorporaw it-tibdil fil-klima f’diversi aspetti tal-istrateġiji nazzjonali għall-iżvilupp
  • żieda fir-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima
  • ngħinu lill-pajjiżi jifformulaw u jimplimentaw strateġiji ta’ adattament u mitigazzjoni
  • ngħinuhom iħejju u jiffinanzjaw proġetti ta’ żvilupp bankabbli (jiġifieri, kosteffettivi) rilevanti għall-klima.

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+)

Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+) huwa parti mill-qafas ta’ investiment tal-UE għal pajjiżi barra mill-UE. Dan jiżgura kopertura dinjija għal firxa ta’ operazzjonijiet finanzjarji. Huwa inkluż fil-programm tal-baġit fit-tul tal-UE għall-azzjoni esterna: NDICI - Ewropa Globali.

Huwa strument komprensiv li jinkludi diversi mezzi biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ pajjiżi sħab, bħal:

  • garanziji
  • għotjiet ipprovduti permezz ta’ “taħlit” (taħlita ta’ għotjiet tal-UE u self tal-banek kummerċjali)
  • assistenza teknika biex tgħin lill-pajjiżi sħab itejbu l-kwalità tal-proġetti tagħhom u jimplimentaw ir-riformi

L-EFSD+ se jiġbor riżorsi finanzjarji għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv mis-settur privat. Huwa se jappoġġja investimenti f’pajjiżi sħab biex jippromwovi l-ħolqien ta’ impjiegi deċenti, isaħħaħ l-infrastruttura pubblika u privata, irawwem l-enerġija rinnovabbli u l-agrikoltura sostenibbli u jappoġġja l-ekonomija diġitali.

Il-qafas ta’ investiment jinkludi wkoll il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna, li tagħti spinta lill-finanzjament tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli għal €53 biljun.

Il-Garanzija għall-Azzjoni Esterna għandha kapaċità ta’ €39.8 biljun biex tiggarantixxi l-operazzjonijiet tal-EFSD+. Flimkien mas-settur privat u bis-saħħa tal-effett ta’ ingranaġġ, dan jista’ jimmobilizza €200 biljun f’investiment fl-2021-2027.

L-għan ta’ $100 biljun

L-UE tibqa’ impenjata li tikkontribwixxi lejn l-għan tal-ekonomiji żviluppati li timmobilizza b’mod konġunt minn sorsi differenti $100 biljun fis-sena sal-2025 biex jappoġġjaw l-ekonomiji li qed jiżviluppaw.

Il-finanzjament jiġi minn varjetà wiesgħa ta’ sorsi – sorsi ta’ finanzjament pubbliċi u privati, bilaterali u multilaterali, u alternattivi – fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ mitigazzjoni sinifikanti u implimentazzjoni trasparenti mill-ekonomiji li qed jiżviluppaw.

L-UE qed tappella biex il-kontributuri eżistenti u potenzjali jiffinanzjaw ukoll l-azzjoni klimatika fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw f’konformità mal-kapaċitajiet u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

F’Settembru 2022, l-OECD ippubblikat rapport dwar il-finanzjament tal-ekonomiji żviluppati għall-azzjoni klimatika fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw. Dan juri li l-ekonomiji żviluppati qed jagħmlu progress fil-finanzjament għall-klima u l-indikazzjonijiet huma li x-xejra ’l fuq se tkompli. Il-finanzjament għall-klima għall-ekonomiji li qed jiżviluppaw laħaq $83.3 biljun fl-2020, żieda minn $58.6 biljun fl-2016.

Il-kapitalizzazzjoni tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima

Il-Fond Ekoloġiku għall-Klima twaqqaf fl-2010 biex jgħin lill-ekonomiji li qed jiżviluppaw inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom ta’ gassijiet serra u jadattaw għat-tibdil fil-klima.

Sa mill-2014, hu ġabar wegħdiet inizjali b’valur ta’ $10.3 biljun. Il-pajjiżi tal-UE wiegħdu kważi nofs dan: $4.7 biljun.

Fl-ewwel riforniment tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima f’Ottubru 2019, 27 pajjiż (li l-biċċa l-kbira minnhom huma pajjiżi tal-UE) wiegħdu li jirrikostitwixxu l-fond b’$9.78 biljun ekwivalenti addizzjonali għall-erba’ snin ta' wara. Sal-31 ta’ Mejju 2022, $5.5 biljun mill-fondi mwiegħda ġew żborżati mill-pajjiżi tal-UE.

Xi pajjiżi u reġjuni tal-UE jikkontribwixxu wkoll madwar 95% tal-wegħdiet volontarji annwali biex jiżguraw il-funzjonament tal-Fond ta’ Adattament, li jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jadattaw għat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni Ewropea wiegħdet appoġġ għall-Fond ta’ Adattament b’valur ta’ €100 miljun fil-COP26 fl-2021.

L-ingranaġġ ta’ investiment li ma jagħmilx ħsara lill-klima

Jeħtieġ li l-pajjiżi jattiraw finanzjament pubbliku u privat addizzjonali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-klima u jixprunaw tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Il-finanzjament internazzjonali għall-klima għandu jintuża bħala lieva biex jinċentiva investiment reżiljenti għall-klima u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jikkomplementa r-riżorsi domestiċi fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw.

L-approċċ tal-UE jinqasam fi tnejn:

  • l-għoti ta’ finanzjament b’għotjiet direttament lill-ifqar pajjiżi u lill-aktar pajjiżi vulnerabbli
  • l-użu ta’ finanzjament b’għotjiet biex jiġi ingranat l-investiment privat billi l-għotjiet jiġu kkombinati ma’ self u ekwitajiet minn sorsi pubbliċi u privati, inklużi banek tal-iżvilupp bilaterali u multilaterali

Pereżempju, l-UE u l-pajjiżi membri tagħha stabbilixxew għadd ta’ faċilitajiet ta’ taħlit li jikkombinaw il-finanzjament b’għotjiet ma’ self, li jkopru reġjuni differenti.

Dokumenti

Ikklikkja s-sinjali + għal aktar informazzjoni.