Il-mixi mhux biss tajjeb għalik; hu jgħin l-ambjent ukoll. Madankollu, ilkoll kemm aħna rridu nużaw it-trasport – biex naslu fil-post tax-xogħol, biex inżuru l-familja jew il-ħbieb – għalhekk hu importanti li nagħmlu l-għażliet ġusti biex ngħinu fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2.
It-trasport hu responsabbli għal madwar kwart tal-emissjonijiet kollha ta’ gassijiet b'effett serra fl-UE. U kont taf li aktar minn nofs l-emissjonijiet tas-CO2 mid-djar tal-UE jiġu mill-attivitajiet tat-trasport tan-nies, bħas-sewqan għax-xogħol jew it-teħid ta’ titjira biex imorru vaganza?
Agħżel b’mod għaqli

- Ħalli l-karozza tiegħek id-dar. Kull litru ta' fjuwil maħruq f'magna ta' karozza jitfa’ fl-arja aktar minn 2 kg ta' CO2. Dan ifisser li għal karozza medja, tank tal-fjuwil wieħed jitfa’ aktar minn 100 kg ta’ CO2 fl-atmosfera!
- Ir-rota, it-trasport pubbliku, l-użu ta’ karozza ma’ persuni oħrajn u servizz ta’ karozza xxerjata ma’ persuni oħrajn ilkoll huma modi alternattivi biex nivvjaġġaw. Sintendi, il-mixi hu l-mod ta’ trasport l-aktar ekoloġiku!
- Aqbad ferrovija. Persuna waħda li tivvjaġġa weħidha bil-karozza tipproduċi 3 darbiet aktar emissjonijiet tas-CO2 kull kilometru milli kieku tivvjaġġa bil-ferrovija.
- Esplora alternattivi flok it-titjir. It-titjir hu l-aktar sors bi tkabbir mgħaġġel tal-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport. Ikkunsidra li taqbad il-ferrovija jekk qed tivvjaġġa biss għal ftit mijiet ta’ kilometri jew anqas.
Jekk jeħtieġlek issuq...

- Il-mod li ssuq għandu impatt kbir fuq l-ammont ta’ fjuwil li tuża l-karozza tiegħek u kemm titfa’ CO2. L-evitar ta’ bbrejkjar u ta’ aċċellerazzjoni bla bżonn u ż-żamma ta’ tyres minfuħin sew huma modi sempliċi biex ittejjeb l-effiċjenza tal-fjuwil.
- Neħħi r-roof rack jekk mhux użat. Roof rack vojt iżid il-konsum tal-fjuwil u tal-emissjonijiet tas-CO2 b’10% minħabba l-ġibda aerodinamika.
- Se tixtri karozza ġdida? Agħżel waħda b'kunsum tal-fjuwil ekonomiku tajjeb. Fl-UE, il-manifatturi tal-karozzi kollha jeħtiġilhom juru l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil tal-karozzi tagħhom fix-showrooms u fir-riklamar.
Ivvjaġġar ekoloġiku

- Ikkunsidra li “tikkumpensa” għall-emissjonijet tas-CO2tal-vjaġġ tiegħek. Bosta kumpaniji tal-ivvjaġġar u organizzazzjonijiet oħrajn se jikkalkulaw l-impronta tal-emissjonijiet tiegħek u jinvestu ammont korrispondenti pereżempju fi proġett ta’ enerġija rinnovabbli jew ambjentali.
- Għaliex ma tipprovax it-turiżmu ekoloġiku? Tista’ tfittex fil-Katalgu tal-Akkomodazzjoni Turistika b’Ekotikketta tal-UE.