L-iskart mhux biss iniġġes l-arja, l-ilma tal-pjan u l-ħamrija – hu jitfa’ wkoll is-CO2 u l-metan fl-atmosfera u b’hekk jikkontribwixxi għat-tibdil fil-klima.
L-ammont ta’ skart iġġenerat fl-UE qed jikber, issa jinsab madwar 3 biljun tunnellata fis-sena. Fl-UE b’mod sħiħ, 40% biss tal-iskart tad-djar attwalment hu użat mill-ġdid jew riċiklat.
Uża mill-ġdid

- Uża mill-ġdid il-karta. Għal rough work jew lista ta' xiri, uża n-naħa ta' wara ta' folja użata minflok waħda ġdida.
- Agħti tagħmir tal-elettriku qadim, pereżempju lill-iskejjel jew liċ-ċentri tal-komunità, biex b’hekk persuni oħrajn ikunu jistgħu jużawhom mill-ġdid.
- Ixtri batteriji li tista’ terġa’ tiċċarġjahom, li jistgħu jintużaw mill-ġdid għal ċikli ta’ ċċarġjar multipli. Tinsiex tirriċikla l-batteriji tiegħek meta ma jservux aktar!
- Partat, bigħ jew agħti b’donazzjoni ħwejġek, għamara jew oġġetti tad-dar li ma għandekx bżonnhom aktar. Minflok li tixtri oġġetti ġodda, ikkunsidra tissellef, tikri jew tixtri second-hand.
Irriċikla

- Ir-riċiklaġġ jiffranka l-enerġija u l-emissjonijiet. Ir-riċiklaġġ ta' landa waħda tal-aluminju jista' jiffranka 90% tal-enerġija meħtieġa biex tkun prodotta oħra ġdida. Ir-riċiklaġġ ta' kilo karti minflok ma jittieħed il-miżbla jevita kważi kilo emissjonijiet ta' CO2 kif ukoll emissjonijiet ta' metan.
- Iċċekkja liema tipi ta’ skart jistgħu jkunu riċiklati fiż-żona tiegħek. Tinsiex tissepara l-ħġieġ, il-karti, il-plastik u l-laned mill-bqija tal-iskart tiegħek. Attwalment il-faċilitajiet ta’ riċiklaġġ kapaċi jaċċettaw aktar u aktar tipi ta’ plastik – iċċekkja tiegħek għad-dettalji.
- Tarmix apparat elettroniku. Prodotti elettroniċi huma magħmulin minn riżorsi u minerali ta’ valur li jistgħu jkunu riċiklati, inklużi metalli, plastik, u ħġieġ, li lkoll kemm huma jeħtieġu l-enerġija biex jiġu skavati u manifatturati. Ħudhom f'punt għall-ġbir lokali jew ħudhom lura lill-bejjiegħ bl-imnut.
- Irriċikla l-batterija tal-karozza tiegħek meta teħtieġ oħra ġdida. Tyres qodma jistgħu jkunu riċiklati wkoll.
- Kompost. L-iskart organiku tiegħek – bħall-frott u l-ħaxix, il-qxur tal-bajd jew il-fond tal-kafè – hu bil-bosta aħjar f'munzell kompost id-dar milli f’miżbla. F’munzell kompost, espost għall-arja, l-iskart jiddekomponi u jsir fertilizzant naturali. F'miżbla, mingħajr arja, dan jiffermenta u mbagħad jitfa’ l-metan, gass qawwi b'effett serra.