Illum, bosta minna għandna aċċess għal varjetà kbira ta’ ikel u ta’ prodotti oħrajn. Iżda kulma nixtru, minn litru ħalib sa par żarbun ġdid, jeħtieġlu jiġi prodott – u dan jiġġenera l-emissjonijiet tas-CO2. Barra minn hekk, bosta proċessi ta’ produzzjoni huma ta’ ħsara għall-ambjent u l-klima.
It-trasport tal-ikel bl-ajru minn naħa għal oħra tad-dinja jiġġenera 1,700 darba oħra aktar emissjonijiet tas-CO2 milli jiġi trasportat 50 km bi trakk. Il-prattiki mhux sostenibbli fil-foresti jikkontribwixxu għad- deforestazzjoni, li hi responsabbli għal madwar 20% tal-emissjonijiet globali tas-CO2 .
Ixtri b'mod intelliġenti

- Agħżel sew dwar l-ippakkjar: l-ippakkajr fil-plastik joħloq ħafna skart u spiss hu diffiċli li jiġi riċiklat. Ipprova evita prodotti ppakkjati u fittex ir-refills ta’ prodotti bħax-shampoo.
- Ħu boroż li jistgħu jintużaw mill-ġdid biex iġġorr ix-xiri tiegħek id-dar. U ixtri rollijiet tal-kċina u tat-toilet magħmulin minn karta riċiklata.
- Aħsibha darbtejn qabel ma tapgrejdja l-gadgets tiegħek. Skart ta’ tagħmir tal-elettriku u elettroniku (WEEE) hu l-kategorija ta’ skart li qed tiżdied l-aktar fl-UE.
- Se tixtri għamara għall-ġonna jew prodotti oħrajn tal-injam? Fittex it-tikkettiFSC jew PEFC li jiggarantixxu li l-injam inqata’ b’mod sostenibbli.
Kul b'mod intelliġenti

- Taħlix ikel. Ixtri biss l-ammont li teħtieġ, u żomm dak li jifdal għal aktar tard!
- Ikkunsidra li tevita prodotti barra mill-istaġun. It-tkabbir tal-ikel barra mill-ambjent naturali tiegħu jew mill-istaġun tat-tkabbir normali jeħtieġ ammonti tremendi ta' ilma, enerġija u riżorsi oħrajn.
- Aħsel il-frott u l-ħaxix fi skutella minflok bl-ilma tal-vit għaddej. Saqqi l-pjanti bl-ilma li jkun baqagħlek.
- Jekk tiekol il-laħam, issostitwixxi xi ftit mill-konsum tal-laħam aħmar tiegħek b’tiġieġ, ħut jew legumi. Meta taqleb minn laħam taċ-ċanga għal tiġieġ int tista’ tnaqqas l-impronta tal-karbonju tal-ikel tiegħek bi kważi 75%.
Ekotikketta


- L-Ekotikketta tal-UE tidentifika prodotti u servizzi b’impatt ambjentali ridott. Fittixha meta tixtri bozoz tad-dawl, deterġenti, kompjuters, ħwejjeġ – anki meta tibbukkja kamra f’lukanda. Attwalment madwar 70,000 prodott u servizz issa għandhom l-Ekotikketta tal-UE!